Hekk kif issa nħattru l-karigi kollha interni tal-PN, uħud b’elezzjoni w uħud b’maniġġi interni, fis-siegħat li ġejjin il-Kap tal-PN, Adrian Delia mistenni jaħtar lill-Hermann Schiavone bħala Whip tal-Grupp Parlementari tal-PN. Hermann Schiavone huwa l-unika Deputat minn dawk li appoġġjaw lil Delia fit-tellieqa għat-tmexxija tal-PN li kien għadu ma ingħata ebda kariga fil-PN.

Dan kollu qed jiġri fi sfond ta’ survey inkwetanti ħafna għal Partit Nazzjonalista u għal pajjiż. Minn dan is-survey, ippubblikat mill-MaltaToday jirriżulta illi Adrian Delia igawdi biss l-appoġġ ta’ 15% tal-elettorat. Dan u l-agħar riżultat li qatt ġab mexxej ta’ wieħed mill-Partiti l-kbar. Jidher ukoll, skont rapporti fil-media, li is-surveys interni tal-Partit qed juru l-istess.
Sorsi mill-PN qalulna illi jinsabu sorpriżi u inkwetati minħabba li Schiavone għandu nuqqas ta’ esperjenza parlamentari peress li għadu kif ġie elett għall-ewwel darba fl-elezzjoni tal-2017. L-istess sorsi qalulna li bil-mod kif saru l-aħħar ħatriet, il-PN mhux se jibqalu ebda awtorita morali li jikkritika l-Gvern fuq l-meritokrazzija, dan għaliex il-karigi importanti fil-Partit tqassmu u ingħataw skont l-alleanza favur Delia u mhux fuq min huma l-ahjar persuni biex jokkupaw dawn il-karigi. Schiavone wieħed minnhom.
Bir-riforma Parlamentari li qed jippropoji l-Gvern Laburista, il-salarju tal-Whip se jiġi elevat fl-istess livell ta’ Ministru, b’hekk Schiavone mistenni jakkwista salarju ta’ aktar minn €45,000.
Aktar Ħatriet
F’waħda mill-aħħar laqgħat tal-Eżekuttiv, ħiet diskussa proposta tal-Kap, Adrian Delia biex il-Kariga ta’ Assistent Segretarju Ġenerali, li ilha okkupata minn Jean Pierre Debono għal għaxar snin, tiġi sostitwita minn għadd ta’ Diretturi. Dawn, id-Diretturi se jkunu b’impjieg full time u b’salarju. Dan is-sit jista’ jiżvela li tnejn minn dawn id-Diretturi se jkunu Angelito Sciberras, bħala Direttur Elcom u Dione Borg, li s’issa għadu mhux magħruf ta’ xhiex se jkun responsabbli.
Direttur Elcom
Angelito Sciberras, mhux persuna ġdida fil-Partit Nazzjonalista u sa mis-snin disgħin okkupa diversi karigi fil-Partit bl-aħħar responsabilita tkun dik tas-surveys u l-opinion polls interni. Dawn is-surveys u l-mod kif isiru, waqt l-elezzjoni tal-Kap tal-Partit kienu ikkritikati bl-ahrax kemm mit-tesserati u mill-Kunsilliera tal-Partit kif ukoll minn Adrian Delia stess. Il-kritika kienet mdawwra mal-fatt illi l-informazzjoni tas-surveys falliet għax minkejja li l-PN tilef bi kbir, it-tmexxija tal-partit ingħataw x’jifmhu li rebħa kienet possibli.
Is-sorsi fil-PN qalulna illi minkejja li Sciberras kien membru tal-Kummissjoni Elettorali għall-Elezzjoni ta’ Kap tal-Partit, u allura ma seta jappoġġja u jghin lill-ebda kandidat, kien attivament jgħin minn taħt lill-Adrian Delia tramite Clyde Puli u Hermann Schiavone.

Tant hu hekk is-sorsi komplew, illi minkejja, wara l-hatra tal-Kap il-gdid, l-ewwel Kummissjoni Elettorali ppreseduta minn Joe Borg kienet irriżenjat en mass, Angelito Sciberras kien l-uniku wieħed li reġa ġie maħtur mill-Kap Adrian Delia fil-Kummissjoni Elettorali l-ġdida li mexxiet l-elezzjonijiet, fosthom dik tal-Viċi Kapijiet. Dwar dan, il-MaltaToday irraportat illi Angelito Sciberras fl-ewwel round ta’ elezzjonijiet ta aċċess tad-Data lil Hermann Schiavone kontra kull regolament intern li jirregola dawn l-elezzjonijiet.
Angelito Sciberras, fl-aħħar leġiżlatura mmexxija mill-PN, kien iċ-Chief of Staff, tas-Segretarju Parlamentari għall-iSports, Clyde Puli li issa ġie magħżul minn Delia bħala Segretarju Ġenerali tal-PN kontra kull mistenni. Sciberras għandu ukoll interessi kummerċjali mal-avukat Roslyn Borg, li fl-aħħar elezzjoni kienet kandidata tal-PN u issa ġiet handpicked minn Delia bħala Segretarju Internazzjonali tal-PN.
Dione Borg
Il-Direttur l-ieħor, mistenni jkun Dione Borg, li bħal Sciberras mhux persuna ġdida fil-PN, ilu mid-disgħajnijiet idur minn kariga għall-ohra fosthom fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Net TV u Radio 101 bl-aħħar kariga tkun ta’ ġurnalist ta’ NET TV. Sorsi fi ħdan il-PN qalulna li fl-aħħar snin Dione Borg ma kienx fdat wisq mill-amministrazzjoni tal-Partit minħabba l-ħbieberija li għandu ma esponenti tal-Partit Laburista u minħabba li kien hemm susspetti li ċertu leaks minn ħdan il-PN kienu qed joriġinaw minn din il-ħbieberija. Sorsi fi ħdan il-qasam ġurnalistiku, fi żmien il-Panama Papers, kienu jgħidu li kienu jkunu sorpriżi mmens kif fil-Press Conferences ta’ esponenti tal-Gvern Laburista, fosthom il-Prim Ministru, Dione Borg kien ikun rilluttanti immens li jsaqsi mistoqsijiet skomdi.
Kap tal-Uffiċċju ta’ Adrian Delia
S’issa kien għadu ma tħabbarx min se jkun il-Kap tal-Uffiċċju ta’ Adrian Delia, pero matul din il-gimgħa, stqarrija tal-PN dwar il-laqgħa li Adrian Delia kellhu mal-Alternattiva Demokratika semmiet li għal din il-laqgħa attenda, Edward Mizzi “Kap tal-Uffiċċju tal-Kap tal-Oppozizzjoni”. Sa ftit gimgħat ilu, Edward Mizzi minn Għawdex, kien is-Segretarju Personali ta’ Simon Busuttil u internament fil-Partit ma kienx meqjus bħala l-akbar ‘stilla’ li kellhu miegħu Simon Busuttil, dan minħabba d-disorganizazzjoni li kienet l-ordni tal-ġurnata fejn kien jidħol hu.
Din it-tħabbira inkiss inkiss qanqlet kummenti sarkastiċi lejn il-mexxej Adrian Delia, minħabba li kif qed iqassam il-karigi ma tantx jagħtu lok jew impressjoni ta xi ‘mod gdid’ għax dawk li għażel Dalia huma nies riċiklati u parti mill-establishment li hu stess tant ikkritika. Dan kompla bis-sorpriza li Pierre Portelli, li kellu l-kunsens ta’ ħafna li seta jkun Segretarju Generali tajjeb, ingħata kariga fil-media tal-Partit, li m’għandha ebda influwenza politika u mhiex meqjusa bħala kariga uffiċjali skont l-istatut tal-Partit.
Jean Pierre Debono
Ħafna qed jistennew bil-ħerqa x’ser tkun l-kariga li ser tingħata lil Jean Pierre Debono, li ħafna jqisuh li kien determinanti fir-rebħa ta’ Delia u li pprovda lill-Delia data tal-Partit li ebda kandidat ieħor ma kellhu, dik li kienet tissejjaħ il-‘JPD Tesserati List’ li kienet tinkludi emails u numri tal-mobile ta’ kważi kull tesserat. Is-sorsi li tkellmu magħna qalulna li din il-lista kienet differenti għal kollox mill-lista li pprovdiet il-Kummissjoni lill-kandidati l-oħra. Jean Pierre Debono huwa wkoll dak illi dwaru kien hemm allegazzjonijiet serji ta’ prokuri foloz waqt l-Elezzjoni tal-Kap, tant li l-Kummissjoni Elettorali stess investigat u ħarġet rapport kontra tiegħu. Wara dan l-episodju Jean Pierre Debono ċeda s-siggu Parlamentari lil Delia u ħafna qed isostnu li se jkun hu li jmexxi l-Ufficcju ta’ Adrian Delia u Edward Mizzi jingħata pożizzjoni oħra. L-inkwiet fil-PN jibqa, minn fejn se jitħallsu dawn il-pagi kollha, li hu evidenti li dawn huma frott ta’ wegħdi li Delia għamel u issa qed ikollu jonorhom għad-detriment ta’ invesitment li għandi bżonn jagħmel il-Partit.
