Weġgħat (2)

Bħalissa fil-pajjiż hawn klima tqila, ta’ dwejjaq, ta’ sogħba. Dawk ta’ rieda tajba iħossuhom hekk għax mhux normali li f’pajjiż demokratiku Ewropew tinqatel brutalment ġurnalista. Mhux normali li s-soċjeta tinjora dan l-att barbaru u kodard ta’ min kellu l-interess li Daphne Caruana Galizia tinqatel u magħha jinqatlu l-istejjer li kienet qed tinvestiga.

Għax f’pajjiż normali dawn l-affarijiet ma jiġrux u jekk jiġru ma jibqa’ xejn normali u ma’ jibqa xejn business as usual.

Fortunatament f’pajjiżna hawn min hu ta’ rieda tajba. Eluf ta’ nies nhar il-Ħadd niżlu fit-toroq u bħalissa grupp ta’ nisa qegħdin jorqdu f’kampijiet fil-pjazza ta’ Kastilja. Nhar il-Ħadd, f’Tas-Sliema, ic-Civil Society Network, se jorganizza it-tieni dimostrazzjoni f’Għar id-Dud f’Tas Sliema.

Sfortunatament f’pajjiżna hawn ukoll nies li huma passivi, nies li jridu konvenjentament jinjoraw dak li ġara. Dawn in-nies joħolqu weġgħat u feriti fis-soċjeta li mhux faċli jgħaddu:

  1. Il-Prim Ministru Joseph Muscat, biex jibgħat il-messaġġ li kollox għaddej normali, waqt li l-Ewropa, bl-istituzzjonijiet tagħha qed tqim ix-xogħol ta’ Daphne Caruana Galizia, hu jmur Dubai biex ibiegħ il-passaporti. Proċess ta’ bejgħ li kien wieħed mis-suġġetti li Daphne Caruana Galizia investigat u svelat allegazzjoni ta’ tixħim u korruzzjoni.

2. Il-Ħamis fil-għaxija Tony Zarb, wieħed mill-konsulenti tal-Gvern u għal snin twal Segretarju Ġenerali tal-GWU għajjar lin-nisa li qed jipprotestaw quddiem Kastilja bħala qħab. Din ma kinitx l-ewwel darba li Tony Zarb ħeġġeġ il-mibgħeda fuq facebook. Qatt ma ttieħdet azzjoni fil-konfront tiegħu għax hu Tony Zarb.

3. Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista, ikkonfermaw li hemm deputati u uffiċjali li huma qrib l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qed jagħmlu pressjoni fuq sħabhom fl-ogħla strutturi tal-Partit Nazzjonalista biex il-PN ma jitkellimx biss fuq dan il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, anzi jagħtu iħalluh imut mewta naturali. Huwa ovju li dawn in-nies qed iġibu l-interess tal-Kap tal-Partit li appoġġjaw qabel l-interess nazzjonali. Fuq fomm kulħadd kemm fit-triq u kif ukoll permezz tal-media, huwa ovju li l-Partit Nazzjonalista qed ihoss li ma jistax ikun kredibbli meta l-mexxej tiegħu stess kien wieħed minn dawk illi għajjar lill-ġurnalista li nqatlet tant li anke għad-dimostrazzjoni tal-Ħadd li għadda naqas milli jattendi.

4. Esponenti tal-Gvern qed jippruvaw jagħmlu minn kollox biex imewtu il-momentum li qabdu The Civil Society Network billi jgħidu li huma għodda f’idejn il-Partit Nazzjonalista. Kull min attenda nhar il-Ħadd il-Belt, jaf x’kien is-sentiment tan-nies li attendew fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista.

Pajjiżna huwa xxurtjat li għandu ħafna nies ta’ ried tajba li xi kultant fis-silenzju jagħmlu dmirhom. Il-Ħadd li ġej post dawn dawk kollha li xebgħu b’din is-sitwazzjoni passiva, għandhom ikunu tas-Sliema, jgħaddu l-messaġġ li ‘LE, F’PAJJIŻ NORMALI MA JKUNX KOLLOX BUSINESS AS USUAL’

Leave a comment