Analiżi tat-telfa

Ir-riżultat elettorali ħażin li ġarrab il-Partit Nazzjonalita għandu jiġi studjat u analizzat. Mhux biss biex jinstabu r-raġunijiet għaliex il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni b’dik il-marġini imma aktar u aktar biex żbalji li saru ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.

Huwa stramb ħafna kif il-Partit Nazzjonalista għadu ma bediex proċess biex jidentifika ir-raġunijiet wara riżultat daqsekk ħażin. L-anqas ma ntqal imkien li dan il-proċess se jsir.

Dawn li ġejjin huma uħud mir-raġunijiet li joħorġu minn minn analiżi ta’ diversi nies li kitbu dwar dan, oħrajn li għamlu kuntatt magħna u opinjonijiet ta’ dan il-blog:

1. Narattiva

Il-kapmanja tal-PN kienet iffukata fuq il-politika onesta u l-governanza tajba. Tali kampanja kienet tinstema repettitiva u negattiva anke minħabba n-natura tas-suġġett. Il-PN naqas mill-jassigura illi r-rittmu ekonomiku tal-pajjiz mhux se jintilef.

2. Nies tan-negozju

Tradizzjonalment in-nies tan-negozju kienu dejjem iħossuhom aktar komdi mal-Partit Nazzjonalista minhabba l-politika li addotta ta’ liberalizazzjoni u opportunitajiet li nħolqu matul is-snin.

Donnu illi din il-faxxa importanti resqet lil hinn mill-Partit Nazzjonalista u min hu f’dan is-settur jgħid illi ċertu diskors illi sar matul l-erba’ snin li għaddew komplu gerrixhom lil hinn mill-Partit. In-nies tan-negozju iħossu li tilfu l-‘bridge’ li kellhom mal-Partit Nazzjonalista.

3. Strateġija

Matul il-Kampanja Elettorali il-PN kien nieqes mill-istrategija. Kien hemm mumenti meta deher li ma kienx preparat, l-aktar fejn jidhlu proposti. Il-kaz klassiku tal-kalkoli tal-proposta tal-grant ta’ 10,000 għal min imur jgħix Għawdex ma għinitx. Anke l-fatt li l-PN dam ħafna ma ħareġ il-manifest elettorali kompla biex saħħaħ l-argument tal-Partit Laburista li kien itambar li l-PN ma’ kellux proposti.

Waqt il-kampanja il-PN ma’ addattax ruħu għar-reazzjoni tan-nies għal-messaġġ tiegħu. Jekk wieħed kien isegwi biss x’kien jintqal fuq is-social media, malajar kien jinduna li n-nies ma riedux aktar jisimgħu BISS fuq il-korruzzjoni imma riedu jisimgħu x’se joffri il-PN. Anke l-fatt li minkejja li kien hemm reazzjoni l-Billboards negattivi li ma ntlaqgħux tajjeb, il-PN flok semha minn dak li bdew jgħidu n-nies kompla gimgħa oħra joħrog billboard negattivi.

4. Koalizzjoni

Ħafna jiddeskrivu l-koalizzjoni bħala l-akbar żball tal-Partit Nazzjonalista f’din l-elezzjoni. Il-PN naqas milli jispjega din il-koalizzjoni mal-PD xi tfisser u kompla qanqal it-tħassib tal-instabbilita. Il-PN jidher li mhux talli iggwadanja l-voti minn din il-koalizzjoni imma talli tilef żewġ siġġijiet Parlamentari. Il-konfuzjoni fil-messaġġ taż-żewġ partit ħawdet lin-nies speċjalment fuq il-kaċċa u r-race track. Internament fil-PN jidher din il-problema kienet antiċipata pero il-Kap tal-PN Simon Busuttil kien jinsisti li din se tkun ta’ vantaġġ.

5. Kandidati

Il-Partit Nazzjonalista naqas milli jkollu line up ta’ kandidati tajbin li jispiraw fiduċja li jistgħu ikunu Gvern alternattiv. Dawk illi setgħu kienu tali, ħarġu wisq tard u allura l-elettorat ma’ laħaqx ifamiljarizza magħhom. Kellek ukoll il-fattur ta’ kandidati bħal Salvu Mallia, li mhux talli baqa’ sal-aħħar mhux aċċettat minn Nazzjonalisti stess, talli bil-lingwaġġ tiegħu gerexx oħrajn.

6. Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel kambjament kbir minn mindu laħaq Kap tal-Partit fl-2013 sal-Elezzjoni Ġenerali. Dan il-kambjament tah statura u ‘he rose to the occassion’. Ħassra li dan sar tard wisq u l-perception dwaru kienet li mhux mexxej b’saħħtu.

Element ieħor illi seta’ affetwa r-riżultat elettorali kien li Simon Busuttil naqas milli jiġbor madwar l-elementi kollha fil-PN. Dan seta’ ġara minħabba l-fatt illi matul l-aħħar erba’ snin kien qed jinħass illi dak kollu li sar qabel jintesa u ma’ setgħax jissemma. B’konsegwenza ta’ dan suċċessi tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ma kienux qed jissemmew.

Jekk tixtieq tikkontribwixxi għal dan l-artiklu tista’ tibgħat r-reazzjonijiat tiegħek fuq maltanotes@gmail.com

Leave a comment