Għaqda

Fl-għażliet li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista għandha tispikka l-għaqda. Il-persuna li tintgħażel biex tmexxi l-Partit, u dawk kollha li se jinħatru f’xi kariga għandhom jiġbru lil kulħadd madwarhom biex flimkien jaħdmu għal għan wieħed.

Huwa fatt magħruf li fl-aħħar erba’ snin, kien hemm deċiżjoni li dawk li b’xi mod kienu nvoluti fil-Partit qabel l-2013 jingħataw il-ġenb u ma kienux milqugħa fil-Partit. Fost dawn in-nies kien hemm persuni li setgħu taw kontribut enormi fl-istrateġija, fl-organizazzjoni u fil-media tal-Partit. Konsegwenza ta’ din l-għażla l-Partit Nazzjonalista xi minn daqqiet, waqt il-kampanja elettorali u fiż-żmien ta’ qabel, deher mhux preparat u saru żbalji strateġiċi li setgħu kienu parti mir-raġuni għat-telfa.

Ir-riġenerazzjoni fil-partit hija essenzjali u tajjeb li jkollok nies ġodda b’ideat u enerġija ġdida, imma ma tistax teskludi n-nies ta’ esperjenza mingħajr raġuni.

Huwa essenzjali li kull riżorsa li għandu l-partit tintuża u min mhux lest li jaħdem ma min ma jappartjenix għall-istess ċirku tiegħu irid jifhem li l-Partit u ogħla minn kul individwu.

Dan żball li ma jistax jerġa jsir, u għalhekk, min se jmexxi l-Partit irid ikun persuna li tgħaqqad u tiġbor lil kulħadd flimkien, għal għan wieħed.

Leave a comment