Wara li l-Eżekuttiv tal-PN, b’mod demokratiku, b’vot sigriet, għażel liema distretti li fihom se jkun hemm by-election, kien hemm uħud li l-għażla tal-Eżekuttiv ma għoġbithomx u ħassew li għandhom jgħidu dan pubblikament. Dawn il-kummenti qanqlu reazzjoni.
Hi stramba ħafna, kif kandidati li ħarġu ma’ Partit, li iġġieled l-elezzjoni fuq kemm l-istituzzjonijiet tal-pajjiż għandhom jiffunzjonaw, jikkontestaw għażla li saret b’vot sigriet, minn waħda mill-għola istituzzjonijiet tal-Partit – l-Eżekuttiv.
Hawn joħroġ b’saħħtu l-element ta’ ingredjent li kull politiku għandu jkollu – dik li jkun ta’ servizz. Politiku tajjeb ma’ jkunx f’Partit biss għax ikollu xi pożizzjoni jew kariga. Biex tgħin lill-Partit u tikkontribwixxi m’hemmx bżonn li tkun Deputat jew ikollok kariga. Jekk ma’ tgħaddix tiegħek ma jfissirx li l-għażla li għamel ħaddieħor hija żbaljata.
F’dan iż-żmien fejn se jsiru ħafna għażliet fil-Partit Nazzjonalista, għandna lkoll noqgħodu attenti li min se joffri ruħu, ma jkunx qed jagħmel dan għax għandu ambizzjoni personali, imma għax lest li jkun ta’ servizz għal ġid komuni.
