
Wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li ma kienx bi ħsiebu jibqa’ imexxi lil dan il-Partit tant kbir, bi storja kbira ta’ suċċess, bdiet il-lotterija ta’ ismijiet u ideoloġiji ta’ min għandu ikun il-mexxej il-ġdid.
Minn nies ‘b’wiċċ ġdid’, għal nies ‘li jafu jitkellmu’. Minn xandara għal avukati ta’ rispett, minn politiċi ta’ esperjenza għal oħrajn li l-politika missew magħha biss fil-periferija. Fil-frattemp, beda moviment biex il-Kap Simon Busuttil jibqa’ fit-tmexxija. U kullħadd jgħid tiegħu.
Dan l-eżerċizzju minnu nnifsu juri kemm il-PN, minkejja li tilef, għadu ħaj u qed iħares il’quddiem.
Ikun min ikun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu jkun il-Kap ta’ kulħadd. Kap illi jiġbor lil kulħadd miegħu. Kap illi joħloq bilanċ bejn dawk li għandhom esperjenza u dawk li huma ġodda b’ideat friski.
Irid ikun fuq kollox Kap, li jkun kburi bil-kisbiet tal-Partit Nazzjonalista, imma lest ukoll jirrikonoxxi l-iżbalji tal-passat.
Il-Partit Nazzjonalista għandu x-xorti kbira li l-istorja tieghu tagħmillu biss unur. Il-kisbiet tiegħu huma kisbiet ta’ nazzjon. Dan kollu huwa frott il-ħidma ta’ dawk li mexxewh, u tal-poplu li taghħom il-fiduċja.
